Proġetti ta’ mobbiltà għaż-żgħażagħ - “Azzjoni Ta’ Inklużjoni Ta’ DiscoverEU”
L-Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU u DiscoverEU jagħtu liż-żgħażagħ l-opportunità li jesploraw l-Ewropa permezz ta’ esperjenzi ta’ vvjaġġar individwali jew fi grupp għal żmien qasir bil-ferrovija jew b’modi oħra ta’ trasport fejn meħtieġ.
Filwaqt li DiscoverEU toffri liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena din l-opportunità, l-Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU testendi għaż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-21 sena.
Imnedija fl-2022, l-Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU, tippermetti lill-organizzazzjonijiet u lill-gruppi informali taż-żgħażagħ jirċievu appoġġ addizzjonali sabiex iwettqu proġetti għaż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet biex jesploraw l-Ewropa fuq l-istess livell tal-parteċipanti ta’ DiscoverEU.
Objettivi tal-azzjoni
L-objettivi komuni ta’ DiscoverEU u l-Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU huma li:
- jagħtu liż-żgħażagħ iċ-ċans li jitgħallmu dwar l-Ewropa u jiskopru l-opportunitajiet tal-Ewropa għall-edukazzjoni u l-għażliet tal-ħajja futuri tagħhom;
- jiġu mgħammra bl-għarfien, bil-ħiliet tal-ħajja u bil-kompetenzi li jkunu ta’ valur għalihom;
- jiġu mħeġġa l-konnessjoni u d-djalogu interkulturali bejniethom;
- jiġu mrawma bis-sens ta’ appartenenza fl-Unjoni Ewropea;
- jiġu ispirati jħaddnu vjaġġar sostenibbli b’mod partikolari u kuxjenza ambjentali b’mod ġenerali.
Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU għandu l-għan li:
- jilħaq liż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet li ma japplikawx fuq inizjattiva tagħhom stess;
- jegħleb l-ostakli li jwaqqfu lil dawn iż-żgħażagħ milli jipparteċipaw direttament fiċ-ċiklu ta’ applikazzjoni ġenerali ta’ DiscoverEU u jipprovdi l-appoġġ meħtieġ li jeħtieġu sabiex ikunu jistgħu jivvjaġġaw;
- jiskatta u jsaħħaħ l-iżvilupp tal-kompetenzi u l-ħiliet taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet li jieħdu sehem fl-Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU.
Kuntest tal-politika
L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019–2027 hija l-qafas għall-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ abbażi tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-2018 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ1 . L-istrateġija trawwem il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, tappoġġa l-involviment soċjali u ċiviku u għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha jkollhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex jieħdu sehem fis-soċjetà. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tinkludi wkoll il-11-il Għan tal-UE dwar iż-Żgħażagħ li jidentifikaw oqsma transsettorjali li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ.
Taħt il-qasam ewlieni “Konnessjoni”, l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tiffaċilita l-konnessjonijiet u l-iskambju ta’ esperjenza bejn iż-żgħażagħ bħala assi ċentrali għall-iżvilupp futur tal-UE. Dawn il-konnessjonijiet jitrawmu bl-aħjar mod permezz ta’ forom differenti ta’ mobbiltà, bħal Skambji taż-Żgħażagħ u DiscoverEU. Taħt “Impenn”, l-Istrateġija tiffaċilita l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ permezz ta’, pereżempju, attivitajiet ta’ Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ u d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ. Taħt “Setgħa”, l-Istrateġija tiffaċilita ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ permezz, pereżempju, tal-mobbiltà u l-kooperazzjoni tal-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ, it-taħriġ u n-networking.
Il-proġetti u l-attivitajiet fil-formati u s-setturi kollha jistgħu jieħdu ispirazzjoni mill-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u jikkontribwixxu għaliha. Dan jista’ jsir billi jiġi identifikat jekk u kif il-proġett jikkontribwixxi għat-twettiq ta’:
- L-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ;2
- Il-politiki tal-UE dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ;3 ,4
- Il-politika tal-UE dwar il-mobbiltà għall-apprendiment;5 ,6
- Il-Legat tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ.7
Għal appoġġ dwar kif il-proġetti jistgħu jkunu marbuta mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali tiegħek jew liċ-Ċentri ta’ Riżorsi SALTO.
L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ hija disponibbli hawn: https://youth.europa.eu/strategy_mt.
Deskrizzjoni tal-attivitajiet
Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU
Bl-Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU, żagħżugħ wieħed sa ħames żgħażagħ b’inqas opportunitajiet mill-istess pajjiż jiltaqgħu għal perjodu qasir sabiex jivvjaġġaw madwar l-Ewropa. Il-perjodu ta’ apprendiment jinkludi l-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni qabel u matul l-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU kif ukoll is-segwitu wara l-ivvjaġġar.
L-attivitajiet li ġejjin mhumiex eliġibbli għal għotjiet taħt DiscoverEU: il-vjaġġi għal studji akkademiċi; l-attivitajiet ta’ skambju li jkollhom l-għan li jagħmlu profitt finanzjarju; l-attivitajiet ta’ skambju li jistgħu jitqiesu bħala tours ta’ divertiment, laqgħat statutorji, korsijiet ta’ taħriġ mill-adulti għaż-żgħażagħ.
Stabbiliment ta’ proġett
Proġett jiġi implimentat minn organizzazzjoni waħda jew minn grupp informali ta’ żgħażagħ, li jibgħat parteċipant wieħed jew aktar (grupp ta’ parteċipanti) fuq ivvjaġġar fl-ambitu ta’ DiscoverEU. L-organizzazzjoni għandha tibbenefika mill-parteċipazzjoni tagħha fl-Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU u għalhekk il-proġett għandu jkun konformi mal-objettivi tal-organizzazzjoni u jissodisfa l-ħtiġijiet tagħha. Hija possibbli l-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati f’pajjiżi oħra li jistgħu joffru attivitajiet8 jew appoġġ lill-parteċipanti, eż. ospitar eċċ.
Proġett jikkonsisti f’erba’ stadji: l-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu. L-organizzazzjonijiet parteċipanti u ż-żgħażagħ involuti fl-attivitajiet għandhom jassumu rwol attiv f’dawk l-istadji kollha u b’hekk isaħħu l-esperjenza tagħhom fl-apprendiment.
- l-ippjanar tal-esperjenza tal-ivvjaġġar (id-definizzjoni tal-ħtiġijiet, l-objettivi, l-eżiti tal-apprendiment, it-tip ta’ attività(jiet), l-ippjanar tal-ivvjaġġar, l-iskeda tal-attivitajiet eċċ.);
- it-tħejjija (l-arranġamenti prattiċi tal-ivvjaġġar fl-ambitu ta’ DiscoverEU, l-istabbiliment ta’ ftehimiet mal-partijiet ikkonċernati, l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet lingwistiċi/interkulturali/ta’ apprendiment/kulturali/ambjentali/diġitali, il-kompiti relatati mat-tħejjija tal-parteċipanti qabel it-tluq, eċċ.);
- l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet matul l-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU;
- is-segwitu (l-evalwazzjoni tal-attivitajiet, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, kif ukoll it-tixrid u l-użu tal-eżiti tal-proġett).
Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ kwalità ta’ DiscoverEU:
- tiddependi mill-involviment attiv taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet u l-organizzazzjonijiet parteċipanti, li għandhom jassumu rwol attiv fl-istadji kollha tal-proġett, u b’dan il-mod isaħħu l-esperjenza tagħhom fl-apprendiment u l-iżvilupp;
- tinvolvi preferibbilment gruppi diversi ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet u tibni fuq din id-diversità;
- tkun ibbażata fuq ħtiġijiet identifikati b’mod ċar tal-parteċipanti żgħażagħ;
- tiżgura li l-eżiti tal-apprendiment mhux formali u informali tal-esperjenza ta’ DiscoverEU tal-parteċipanti jiġu identifikati u ddokumentati kif xieraq;
- tħeġġeġ lill-parteċipanti sabiex jirriflettu dwar suġġetti u valuri Ewropej.
Proċess ta’ apprendiment
It-twaqqif ta’ Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU fil-kuntest tal-apprendiment mhux formali jeħtieġ li mill-inqas parti mill-eżiti tal-apprendiment mixtieqa tiġi ppjanata minn qabel, sabiex jiġu żgurati l-opportunitajiet xierqa. Il-parteċipanti għandhom jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom u għall-apprendiment li jixtiequ jiksbu jew jiżviluppaw permezz tal-ivvjaġġar tagħhom ta’ DiscoverEU.
Il-parteċipanti għandhom ikunu involuti wkoll kemm jista’ jkun fit-tfassil u l-iżvilupp tal-attività(jiet) matul l-ivvjaġġar tagħhom (l-istabbiliment tal-programm, l-itinerarju, l-attivitajiet, il-prenotazzjoni tal-akkomodazzjoni, eċċ.) u jaħsbu dwar kif għandhom jippreparaw sabiex jimmassimizzaw l-apprendiment u l-iżvilupp personali li jiksbu matul l-ivvjaġġar tagħhom.
Wara l-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU, il-parteċipanti għandhom jiġu mistiedna jipprovdu feedback dwar l-esperjenza tagħhom ta’ DiscoverEU, jirriflettu fuq dak li jkunu tgħallmu u kif jistgħu jagħmlu użu minn dawn l-eżiti tal-apprendiment.
L-organizzazzjonijiet għandhom jappoġġaw il-proċess ta’ apprendiment, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment, b’mod partikolari billi jużaw il-Youthpass għall-parteċipanti ta’ DiscoverEU.
Protezzjoni u sikurezza tal-parteċipanti
L-Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU tista’ tinvolvi l-mexxej(a) tal-grupp, il-faċilitatur(i), l-akkumpanjatur(i) li jistgħu jimmonitorjaw u jipprovdu appoġġ lill-parteċipanti sabiex jiġi żgurat proċess ta’ apprendiment kwalitattiv matul l-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU. Fl-istess ħin, dawn jipprovdu ambjent sikur, rispettuż u mhux diskriminatorju, kif ukoll il-protezzjoni tal-parteċipanti. Matul l-ippjanar u t-tħejjija tal-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU taħt l-Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-protezzjoni u s-sikurezza tal-parteċipanti u għandhom jiġu previsti l-miżuri kollha meħtieġa għall-prevenzjoni/it-tnaqqis tar-riskji.
Standards tal-Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ
L-implimentazzjoni tal-proġetti kollha appoġġati fil-qafas ta’ din l-Azzjoni trid issegwi l-Istandards tal-Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ biex jiġu organizzati attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment ta’ kwalità għolja. L-Istandards tal-Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ ikopru l-prinċipji bażiċi tal-Azzjoni, kif ukoll il-prattiki konkreti tal-implimentazzjoni għall-kompiti tal-proġett bħall-għażla u t-tħejjija tal-parteċipanti, id-definizzjoni, l-evalwazzjoni u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġett, eċċ. L-Istandards tal-Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ huma disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/documents/erasmus-quality-standards-mobility-projects-youth_mt
Dimensjonijiet orizzontali
Meta jitfassal proġett ta’ mobbiltà, iridu jiġu kkunsidrati d-dimensjonijiet orizzontali li ġejjin.
Inklużjoni u diversità
Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. L-organizzazzjonijiet għandhom ifasslu attivitajiet ta’ proġetti aċċessibbli u inklużivi, filwaqt li jqisu l-fehmiet tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet u jinvolvuhom fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.
L-Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU hija partikolarment adatta għall-inklużjoni taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet:
- sabiex jesperjenzaw l-ivvjaġġar waħedhom bħala individwi;
- il-mobbiltà tal-gruppi toffri esperjenza ta’ mobbiltà internazzjonali fis-sikurezza ta’ grupp;
- minħabba d-durata qasira u l-akkumpanjament mill-qrib minn organizzazzjoni, iż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet jiksbu l-opportunità li jesperjenzaw l-ivvjaġġar fi grupp jew saħansitra waħedhom.
L-Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU hija adatta wkoll għall-ħidma fuq l-inklużjoni u d-diversità sabiex tiġi appoġġata l-ġlieda kontra l-istereotipi, jitrawmu l-fehim, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni.
Sostenibbiltà ambjentali
DiscoverEU għandha tippromwovi mġiba ambjentalment sostenibbli u responsabbli fost il-parteċipanti, filwaqt li tqajjem is-sensibilizzazzjoni tagħhom dwar l-importanza li tittieħed azzjoni sabiex titnaqqas jew tiġi kkumpensata l-impronta ambjentali tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. L-Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU għandha titfassal u tiġi implimentata b’kuxjenza ambjentali, billi eż. jiġu integrati prattiki sostenibbli bħall-għażla ta’ materjali li jistgħu jerġgħu jintużaw jew li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, it-tnaqqis tal-iskart u r-riċiklaġġ u mezzi sostenibbli tat-trasport.
Trasformazzjoni diġitali f’DiscoverEU
Il-Programm Erasmus+ jappoġġa lill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fl-inkorporazzjoni tal-użu ta’ għodod diġitali u metodi ta’ apprendiment online sabiex jikkomplementaw l-attivitajiet fiżiċi, itejbu l-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati, u l-kwalità tal-attivitajiet. Hija mħeġġa l-introduzzjoni ta’ elementi diġitali u online biex jitnaqqas il-limitu għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet. Permezz ta’ proġetti u attivitajiet li għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-ħiliet diġitali, irawmu l-litteriżmu diġitali u/jew jiżviluppaw fehim tar-riskji u l-opportunitajiet tat-teknoloġija diġitali, il-programm jista’ jibdel il-mentalità u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ approċċi diġitali u mħallta fl-attivitajiet taż-żgħażagħ.
Skont it-tfassil u l-objettivi tal-attivitajiet, l-iżvilupp tal-kompetenzi u s-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet diġitali, u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, jistgħu jiġu introdotti fil-mobbiltajiet għall-apprendiment.
Il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika, il-valuri komuni u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini
Il-Programm Erasmus+ jappoġġa d-dimensjonijiet kollha tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Kull fejn ikun possibbli, il-proġetti ta’ azzjoni ta’ inklużjoni ta’ DiscoverEU għandhom joffru opportunitajiet għall-parteċipazzjoni demokratika, inkluż l-involviment ċiviku u l-opportunità li jkollhom impatt u jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet li jaffettwawhom) permezz ta’ esperjenzi ta’ tagħlim sinifikanti li jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ biex ikunu involuti b’mod ċiviku qabel, matul u wara l-parteċipazzjoni tagħhom f’attività ta’ mobbiltà.
Il-proġetti għandhom jinkorporaw ukoll dimensjoni parteċipattiva, jiġifieri li joffru opportunitajiet rilevanti għaż-żgħażagħ sabiex jinvolvu ruħhom u jipparteċipaw b’mod attiv fil-konċepiment u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett, bħala perkors għall-parteċipanti biex jinvolvu ruħhom aktar fil-ħajja demokratika.9 Il-proġetti għandhom itejbu wkoll il-fehim tal-parteċipanti dwar l-Unjoni Ewropea u l-valuri komuni Ewropej, inkluż ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-dinjità tal-bniedem, l-unità u d-diversità, id-djalogu interkulturali, kif ukoll il-wirt soċjali, kulturali u storiku Ewropew.
Kriterji tal-eliġibbiltà
Il-kriterji tal-eliġibbiltà ta’ hawn taħt japplikaw.
Min jista’ japplika?
Kwalunkwe organizzazzjoni jew grupp informali ta’ żgħażagħ parteċipanti eliġibbli, stabbilit fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jista’ jkun l-applikant.
Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli
Organizzazzjoni parteċipanti eliġibbli tista’ tkun:
- organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, assoċjazzjoni, NGO; korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali; intrapriża soċjali; korp bi skop ta’ qligħ attiv fir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva;
- grupp informali ta’ żgħażagħ10 .
stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.
L-istess organizzazzjoni (OID wieħed) ma tistax tkun involuta f’aktar minn 5 applikazzjonijiet għal kull skadenza f’din l-azzjoni, jew bħala applikant jew bħala sieħeb.
Numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti
Organizzazzjoni parteċipanti waħda.
Durata tal-proġett
Minn 3 xhur sa 24-il xahar.
Fejn napplika?
Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti
Meta napplika?
L-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sad-dati li ġejjin:
12 ta’ Frar f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Lulju tal-istess sena u l-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara
Ċiklu addizzjonali possibbli:
L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jiftħu ċiklu addizzjonali. L-Aġenziji Nazzjonali se jinformaw lill-applikanti dwar il-ftuħ taċ-ċiklu addizzjonali permezz tas-sit web tagħhom. Jekk jiġi organizzat ċiklu addizzjonali, l-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom sa:
1 ta’ Ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Marzu u l-31 ta’ Awwissu tas-sena ta’ wara.
Kif napplika?
Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta’ din il-Gwida għad-dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.
Rekwiżiti minimi għall-Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU
Durata għal kull vjaġġ ta’ DiscoverEU
Minn jum sa 30 jum.
L-organizzazzjoni tista’ torganizza diversi vjaġġi ta’ DiscoverEU (b’wieħed sa ħames parteċipanti u, jekk ikun meħtieġ, l-akkumpanjatur(i) kull darba) matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett.
Post(ijiet) tal-proġett
L-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU jrid isir f’mill-inqas pajjiż wieħed ieħor differenti minn fejn il-parteċipant(i) ikun beda/bdew l-ivvjaġġar tagħhom.
Numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti
Tista’ tkun involuta biss organizzazzjoni parteċipanti waħda.
Parteċipanti eliġibbli
Żgħażagħ b’inqas opportunitajiet11 li għandhom bejn it-18 u l-21 sena12 u residenti legalment fil-pajjiżi tal-organizzazzjoni li tibgħat tagħhom.
Il-mexxejja tal-gruppi13 , il-faċilitaturi u l-akkumpanjaturi ma għandhomx jitqiesu bħala parteċipanti tal-attività, iżda huma eliġibbli għall-appoġġ taħt ċerti kategoriji tal-baġit. Il-mexxejja ta’ gruppi, il-faċilitaturi jew l-akkumpanjaturi involuti jrid ikollhom mill-inqas 18-il sena.
Numru ta’ parteċipanti u kompożizzjoni tal-gruppi nazzjonali
Minimu ta’ parteċipant wieħed u massimu ta’ ħames parteċipanti għal kull vjaġġ ta’ DiscoverEU.
Il-gruppi jistgħu jivvjaġġaw waħedhom jew jistgħu jkunu akkumpanjati. Massimu ta’ żewġ akkumpanjaturi għal kull parteċipant meta jkun iġġustifikat kif xieraq.
Kriterji għall-għoti
L-applikazzjonijiet sottomessi se jiġu vvalutati billi jiġu assenjati punti minn total ta’ 100, abbażi tal-kriterji u l-punteġġi ta’ hawn taħt. Sabiex ikunu kkunsidrati għall-għoti, l-applikazzjonijiet iridu jissodisfaw il-limiti li ġejjin:
- Mill-inqas 60 punt mit-total ta’ 100 punt; u
- Mill-inqas nofs il-punti tal-punteġġ massimu f’kull waħda mit-tliet kriterji għall-għoti hawn taħt.
Rilevanza, raġunament u impatt (punteġġ massimu ta’ 40 punt)
- Ir-rilevanza tal-proġett:
- għall-objettivi tal-Azzjoni;
- għall-ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-parteċipanti.
- Kemm il-proġett jippermetti l-apprendiment permezz tal-iskoperta;
- Kemm il-proġett huwa rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
- L-impatt potenzjali tal-proġett:
- fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti matul u wara l-ħajja tal-proġett;
- Kemm l-organizzazzjoni tista’ turi esperjenza preċedenti fil-ħidma fost iż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet fil-livell lokali.
- Kemm il-proġett huwa adattat biex jikkontribwixxi għall-inklużjoni u d-diversità, id-dimensjonijiet ekoloġiċi, diġitali u parteċipattivi tal-Programm;
- Kemm il-proġett jintroduċi parteċipanti ġodda u organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza għall-programm Erasmus+ li jistgħu jagħtu prova tal-esperjenza fil-ħidma fost iż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet
Kwalità tat-tfassil tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 40 punt)
- Il-proposta turi konsistenza bejn il-ħtiġijiet identifikati, l-objettivi tal-proġett, il-profili tal-parteċipanti u l-attivitajiet proposti.
- Iċ-ċarezza, il-kompletezza u l-kwalità tal-fażijiet kollha tal-proġett: it-tħejjija mfassla apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-parteċipanti, l-appoġġ matul l-ivvjaġġar, l-implimentazzjoni tal-attivitajiet u s-segwitu;
- Kemm il-parteċipanti huma involuti fil-fażijiet kollha tal-attivitajiet;
- L-attivitajiet huma mfassla b’mod aċċessibbli u inklużiv.
- Il-kwalità tal-arranġamenti u l-appoġġ għall-proċess ta’ riflessjoni, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, u l-użu tal-Youthpass;
- L-adegwatezza u l-effettività tal-miżuri previsti biex jiġu żgurati s-sikurezza u l-protezzjoni tal-parteċipanti;
- Kemm l-attivitajiet jinkorporaw prattiki sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.
Kwalità tal-ġestjoni tal-proġetti (punteġġ massimu ta’ 20 punt)
- Il-kwalità tal-arranġamenti prattiċi, il-ġestjoni u l-modalitajiet ta’ appoġġ;
- Il-kwalità tal-kooperazzjoni u tal-komunikazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn jekk applikabbli;
- Il-kwalità tal-miżuri għall-evalwazzjoni tal-fażijiet u l-eżiti differenti tal-proġett;
- L-adegwatezza u l-kwalità tal-miżuri mmirati lejn it-tixrid tal-eżiti tal-proġett fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti u lil hinn minnhom.
Regoli ta’ finanzjament
Kategorija tal-baġit - Kostijiet tal-ivjaġġar
Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli
Pass tal-ivvjaġġar: Numru ta’ passes tal-ivvjaġġar għall-parteċipanti.
Numru ta’ passes tal-ivvjaġġar ta’ kwalunkwe akkumpanjatur (bl-użu tal-istess mezzi ta’ trasport bħall-parteċipanti).
Bħala regola bażika, il-parteċipanti se jivvjaġġaw bil-mezz tat-trasport li għandu l-inqas emissjonijiet kumplessivi ta’ gassijiet serra14 .
Mekkaniżmu ta’ finanzjament:
- Kontribuzzjoni għal kostijiet reali għall-pass tal-ivvjaġġar;
- Kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji: f’każijiet fejn il-pajjiż ta’ oriġini ma jkunx marbut direttament mas-sistema tal-ferrovija fuq l-Ewropa kontinentali u jkun meħtieġ vjaġġar addizzjonali biex jintlaħaq b’mezzi oħrajn ta’ trasport il-pajjiż fejn tibda l-mobbiltà.
- Vjaġġar ekoloġiku: F’każ li l-parteċipanti jkunu jeħtieġu vjaġġar addizzjonali sabiex jilħqu l-post fejn tibda l-attività, ikunu intitolati wkoll għall-appoġġ għall-ivvjaġġar, inkluż “l-ivvjaġġar ekoloġiku” fejn applikabbli.
Ammont
Pass tal-ivvjaġġar ta’ 7 ijiem ta’ vjaġġar15 fi żmien xahar
Kontribuzzjoni għall-użu ta’ mezzi oħrajn tat-trasport fejn applikabbli
Distanza tal-ivvjaġġar | Vjaġġar ekoloġiku | Vjaġġar mhux ekoloġiku |
---|---|---|
10 – 99 km | EUR 56 | EUR 28 |
100 – 499 km | EUR 285 | EUR 211 |
500 – 1999 km | EUR 417 | EUR 309 |
2000 – 2999 km | EUR 535 | EUR 395 |
3000 – 3999 km | EUR 785 | EUR 580 |
4000 – 7999 km | EUR 1188 | EUR 1188 |
8000 km jew aktar | EUR 1735 | EUR 1735 |
Kategorija tal-baġit - Appoġġ Organizzazzjonali
Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli
Kostijiet relatati direttament mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobbiltà.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji
Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti, esklużi l-mexxejja tal-gruppi, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi.
Ammont
EUR 125 għal kull parteċipant
Kategorija tal-baġit - Appoġġ individwali
Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli
Kostijiet marbuta mas-sussistenza.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.
Regola tal-allokazzjoni:abbażi tad-durata tas-soġġorn għal kull parteċipant, inklużi l-mexxejja tal-gruppi, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi.
Ammont
EUR 78 għal kull parteċipant kull jum.
Massimu ta’ 21 jum ta’ appoġġ għal kull parteċipant.
Kategorija tal-baġit - Appoġġ għall-inklużjoni
Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli
Il-kostijiet relatati mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għall-parteċipanti b’inqas opportunitajiet.
Il-mexxejja tal-gruppi, il-faċilitaturi u l-akkumpanjaturi ma humiex eliġibbli għall-appoġġ għall-inklużjoni għal organizzazzjonijiet.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.
Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet, esklużi l-mexxejja tal-gruppi, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi.
Ammont
EUR 125 għal kull parteċipant
Kostijiet addizzjonali marbuta direttament ma’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet u l-akkumpanjaturi tagħhom, inklużi l-mexxejja tal-gruppi u l-faċilitaturi (inklużi kostijiet iġġustifikati relatati mal-ivvjaġġar u s-sussistenza jekk ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit “Vjaġġar” u “Appoġġ individwali”).
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.
Regola tal-allokazzjoni:it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.
Ammont
100 % tal-kostijiet eliġibbli
Kategorija tal-baġit - Kostijiet eċċezzjonali
Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli
Kostijiet għall-għoti ta’ garanzija finanzjarja, jekk l-Aġenzija Nazzjonali titlob dan.
Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi.
Kostijiet tal-prenotazzjoni: f’xi pajjiżi ma huwiex possibbli li wieħed jivvjaġġa mingħajr prenotazzjoni obbligatorja tas-sit. Il-kopertura ta’ dawk il-kostijiet tal-prenotazzjoni minbarra l-pass tal-ivvjaġġar fejn applikabbli hija alternattiva minnhom.
Il-kostijiet għaljin tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, inkluż l-akkumpanjaturi, il-mexxejja tal-gruppi u tal-faċilitaturi, li ma jistgħux jiġu appoġġati bil-kategorija standard ta’ “Vjaġġar” minħabba bogħod ġeografiku jew ostakli oħrajn (jiġifieri meta l-użu ta’ mezzi tat-trasport aktar nodfa u b’livell aktar baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jirriżulta f’kostijiet għaljin tal-ivvjaġġar). Jekk jingħataw, il-kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali jissostitwixxu l-appoġġ għall-ivvjaġġar ibbażat fuq il-kostijiet unitarji.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.
Regola tal-allokazzjoni:it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali. L-ivvjaġġar għali japplika f’każijiet fejn l-appoġġ għall-ivvjaġġar ibbażat fuq il-kost unitarju ma jkoprix 70 % tal-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti. Jekk jingħataw, il-kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali jissostitwixxu l-għotja għall-ivvjaġġar mhux ekoloġiku.
Ammont
Garanzija finanzjarja:80 % tal-kostijiet eliġibbli
Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi: 100 % tal-kostijiet eliġibbli
Kostijiet tal-prenotazzjoni: 100 % tal-kostijiet eliġibbli tal-prenotazzjoni
Kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin: 80 % tal-kostijiet eliġibbli tal-ivvjaġġar
- https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A42018Y1218%2801%29 ↩ back
- https://youth.europa.eu/strategy/european-youth-goals_mt ↩ back
- https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=uriserv:OJ.C_.2020.415.01.0001.01.MLT ↩ back
- https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:C_202403526 ↩ back
- https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2024/3364 ↩ back
- https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32022H0411%2801%29 ↩ back
- https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2024:1:FIN ↩ back
- Ara s-Sett ta’ Għodod għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ imħejji minn SALTO PI, il-modulu 9 “DiscoverEU” ( https://participationpool.eu/wp-content/uploads/2021/05/Discover-EU-1.pdf ) bħala ispirazzjoni. ↩ back
- Għar-riżorsi u l-ispirazzjoni, jekk jogħġbok ara l-modulu 12 “Ippjanar għall-parteċipazzjoni” tas-Sett ta’ Għodod għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ imħejji minn SALTO PI u li għandu l-għan li jipprovdi għarfien espert, rakkomandazzjonijiet, għodod u gwida prattika dwar il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ: https://participationpool.eu/toolkit/ . ↩ back
- Grupp ta’ mill-inqas erba’ żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena. Wieħed mill-membri tal-grupp jassumi r-rwol ta’ rappreżentant u jieħu r-responsabbiltà f’isem il-grupp. Jekk jogħġbok iċċekkja l-glossarju għad-definizzjoni ta’ grupp informali. Għall-iskopijiet ta’ din l-azzjoni u kwalunkwe dispożizzjoni relatata magħha, “grupp informali ta’ żgħażagħ” għandu jkun konformi mal-kunċett ta’ “organizzazzjoni parteċipanti”. Fejn issir referenza għal “organizzazzjoni parteċipanti”, din għandha titqies li tkopri wkoll “grupp informali ta’ żgħażagħ”. ↩ back
- Ara d-definizzjoni fil-glossarju dwar “parteċipant b’inqas opportunitajiet”. ↩ back
- Jekk jogħġbok qis dawn li ġejjin: limiti aktar baxxi tal-età — il-parteċipanti jridu jkunu laħqu l-età minima ta’ 18-il sena fid-data tal-bidu tal-attività. limiti massimi tal-età – il-parteċipanti ma jridux ikunu akbar mill-età massima indikata ta’ 21 sena fid-data tal-bidu tal-attività. ↩ back
- Mexxej ta’ grupp huwa adult li jingħaqad maż-żgħażagħ sabiex jiżgura l-apprendiment, il-protezzjoni u s-sikurezza effettivi tagħhom. ↩ back
- https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/indicators/energy-efficiency-and-specific-co2-emissions/energy-efficiency-and-specific-co2-9 ↩ back
- Il-pass tal-ivvjaġġar huwa pprovdut speċifikament għall-Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU u huwa maħsub biex jintuża fuq il-pjattaforma ddedikata. Il-pass tal-ivvjaġġar huwa validu għal 30 jum li fihom il-parteċipant jista’ jivvjaġġa fuq kemm-il ferrovija jixtieq il-parteċipant minn nofsillejl sa nofsillejl f’kull wieħed mis-7 ijiem ta’ vjaġġar. Kif jintefqu l-jiem l-oħra huma fid-diskrezzjoni tal-parteċipant. ↩ back