Skip to main content

Erasmus+ Programme Guide

The essential guide to understanding Erasmus+

Proġetti ta’ mobbiltà għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ

Fil-qafas ta’ din l-Azzjoni1 , l-organizzazzjonijiet jistgħu jirċievu appoġġ biex iwettqu proġetti li jinkludu attività ta’ apprendiment waħda jew aktar għall-iżvilupp professjonali u l-bini tal-kapaċità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-organizzazzjoni tagħhom.

Objettivi tal-azzjoni

Din l-Azzjoni tappoġġa l-iżvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u b’hekk l-iżvilupp ta’ ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, permezz ta’ esperjenzi ta’ apprendiment mhux formali u informali f’attivitajiet ta’ mobbiltà. L-Azzjoni tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027, b’mod partikolari għall-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ2 għall-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

B’mod aktar speċifiku, il-proġetti ta’ mobbiltà għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ għandhom l-għan li:

  • jipprovdu opportunitajiet ta’ apprendiment mhux formali u informali għall-iżvilupp edukattiv u professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, filwaqt li jikkontribwixxu għal prattika individwali ta’ kwalità għolja kif ukoll għall-evoluzzjoni tal-organizzazzjonijiet u s-sistemi tal-ħidma fost iż-żgħażagħ;
  • jibnu komunità ta’ persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ li tista’ tappoġġa l-kwalità tal-proġetti u l-attivitajiet għaż-żgħażagħ fil-programmi tal-UE u lil hinn minnhom;
  • jiżviluppaw prattiki lokali ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ u jikkontribwixxu għall-bini tal-kapaċità għal ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ tal-parteċipanti u l-organizzazzjoni tagħhom, filwaqt li jkollhom impatt ċar fuq il-ħidma regolari maż-żgħażagħ tal-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ. 

Kuntest tal-politika

L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 hija l-qafas għall-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ ibbażat fuq ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20183 . L-Istrateġija trawwem il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, tappoġġa l-involviment soċjali u ċiviku u għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha jkollhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex jieħdu sehem fis-soċjetà. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tinkludi 11-il Għan tal-UE dwar iż-Żgħażagħ li jidentifikaw oqsma transsettorjali li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ. 

Taħt il-qasam ewlieni “Konnessjoni”, l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tiffaċilita l-konnessjonijiet u l-iskambju ta’ esperjenza bejn iż-żgħażagħ bħala assi ċentrali għall-iżvilupp futur tal-UE. Dawn il-konnessjonijiet jitrawmu bl-aħjar mod permezz ta’ forom differenti ta’ mobbiltà, bħal Skambji taż-Żgħażagħ u DiscoverEU. Taħt “Involviment”, l-Istrateġija tiffaċilita l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ permezz, pereżempju, ta’ attivitajiet ta’ Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ u d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ. Taħt “Setgħa”, l-Istrateġija tiffaċilita ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ permezz, pereżempju, tal-mobbiltà u l-kooperazzjoni tal-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ, it-taħriġ u n-networking. 

Il-proġetti u l-attivitajiet fil-formati u s-setturi kollha jistgħu jieħdu ispirazzjoni mill-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u jikkontribwixxu għaliha. Dan jista’ jsir billi jiġi identifikat jekk u kif il-proġett jikkontribwixxi għat-twettiq ta’: 

Għal appoġġ dwar kif il-proġetti jistgħu jkunu marbuta mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali tiegħek jew liċ-Ċentri ta’ Riżorsi SALTO.

L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ hija disponibbli hawn: https://youth.europa.eu/strategy_mt.

Strateġiji tematiċi fil-qasam taż-żgħażagħ

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, it-tisħiħ tal-kwalità ta’ proċessi ta’ apprendiment informali u mhux formali u l-iżvilupp ta’ ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ. Aktar appoġġ f’dawn l-oqsma huwa disponibbli permezz ta’ strateġiji tematiċi speċifiċi, bħall-Istrateġija għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ, il-Youthpass u l-Istrateġija Ewropea għat-Taħriġ (ETS)10 .

Deskrizzjoni tal-attivitajiet

Attivitajiet ta’ żvilupp professjonali (PDAs, professional development activities)

L-attivitajiet ta’ żvilupp professjonali huma attivitajiet tranżnazzjonali jew internazzjonali ta’ mobbiltà għall-apprendiment li jappoġġaw l-iżvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ. Dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’: 

  • Żjarat ta’ studju u tipi differenti ta’ inkarigi, bħal job shadowing, skambji ta’ persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u apprendiment bejn il-pari, f’organizzazzjonijiet ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet attivi fil-qasam taż-żgħażagħ barra l-pajjiż.
  • Networking u bini tal-komunità fost il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ li jieħdu sehem fl-azzjoni u li jappoġġaw l-objettivi tagħha.
  • Korsijiet ta’ taħriġli jappoġġaw l-iżvilupp ta’ kompetenzi (eż. ibbażati fuq mudelli ta’ kompetenza eżistenti rilevanti), biex jimplimentaw prattiki ta’ kwalità ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ jew jindirizzaw u jittestjaw metodi innovattivi (pereżempju dawk relatati ma’ ħidma diġitali u intelliġenti fost iż-żgħażagħ11 ).
  • Seminars u workshops li jappoġġaw b’mod partikolari l-bini tal-għarfien u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki marbuta mal-objettivi, il-valuri u l-prijoritajiet tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u tal-programmi tal-UE li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tagħha. 

L-attivitajiet li ġejjin ma humiex eliġibbli għal għotjiet fil-qafas tal-Proġetti ta’ Mobbiltà għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ: il-vjaġġi għal studji akkademiċi; l-attivitajiet li għandhom l-għan li jagħmlu profitt finanzjarju; l-attivitajiet li jistgħu jitqiesu bħala turiżmu; il-festivals; l-ivvjaġġar għal btala; it-tours ta’ spettakli, il-laqgħat statutorji.

Attivitajiet ta’ żvilupp tas-sistema u ta’ sensibilizzazzjoni

Il-proġetti ta’ mobbiltà għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ jistgħu jinkludu attivitajiet ta’ żvilupp tas-sistema u ta’ sensibilizzazzjoni, li huma attivitajiet komplementari li għandhom l-għan li jsaħħu l-impatt tal-proġett ta’ mobbiltà fuq il-post. Dawn jinkludu dawk l-attivitajiet kollha li jikkontribwixxu għall-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ12 għall-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u li jġibu lura t-tagħlimiet meħuda u l-għodod lill-organizzazzjonijiet involuti fil-proġetti u lil hinn minnhom. Dawn l-attivitajiet komplementari jirrappreżentaw opportunità għall-benefiċjarji b’aktar esperjenza u riżorsi biex jittestjaw metodi u tweġibiet innovattivi għal sfidi kondiviżi, tip ta’ spazju għal “laboratorju Ewropew tal-ħidma fost iż-żgħażagħ” li jirriżulta mill-attivitajiet ta’ żvilupp professjonali implimentati fi ħdan il-proġetti u li jkollhom tifsira lil hinn minnhom. 

Il-produzzjoni tal-għodod u l-kondiviżjoni tal-prattiki li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-evoluzzjoni tal-organizzazzjonijiet u s-sistemi tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ bini tal-komunità u l-introduzzjoni ta’ metodi innovattivi li jinkludu l-użu ta’ teknoloġiji diġitali permezz tal-ħidma fost iż-żgħażagħ huma xi eżempji. Dawn l-attivitajiet imorru lil hinn mill-attivitajiet ta’ disseminazzjoni ta’ segwitu, li huma parti miċ-ċiklu tal-ħajja normali tal-proġett, madankollu attivitajiet ta’ disseminazzjoni aktar immirati u strateġiċi jistgħu jidħlu wkoll taħt dawn l-attivitajiet komplementari.

Attività ta’ żvilupp tas-sistema u ta’ sensibilizzazzjoni tista’ titwettaq fil-livell tranżnazzjonali, internazzjonali jew nazzjonali.

Żjarat preparatorji

Iż-żjarat preparatorji għandhom l-għan li jiżguraw attivitajiet ta’ kwalità għolja billi jiġu ffaċilitati u jitħejjew arranġamenti amministrattivi, jinbnew il-fiduċja u l-fehim, u tiġi stabbilita sħubija soda bejn l-organizzazzjonijiet u l-persuni involuti. Iż-Żjarat Preparatorji jsiru fil-pajjiż ta’ waħda mill-organizzazzjonijiet li jilqgħu qabel ma tibda l-Attività tal-Iżvilupp Professjonali.

Stabbiliment ta’ proġett

Proġett appoġġat minn din l-azzjoni jrid jinkludi Attività waħda jew aktar ta’ Żvilupp Professjonali. Dawn jistgħu jiġu kkombinati b’mod flessibbli, skont l-objettivi tal-proġett u l-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni(jiet) parteċipanti u tal-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ.

Proġett jiġi implimentat minn tal-inqas żewġ organizzazzjonijiet. Kundizzjoni fundamentali għat-twassil ta’ proġetti ta’ kwalità għolja hija li l-organizzazzjonijiet involuti kollha jeħtieġ li jiġu identifikati bħala sħubija soda fl-istadju tal-applikazzjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet involuti jibbenefikaw mill-parteċipazzjoni tagħhom, il-proġett għandu jkun ta’ rilevanza għall-ħidma regolari tal-organizzazzjonijiet maż-żgħażagħ u f’konformità mal-objettivi u l-ħtiġijiet tagħhom. L-organizzazzjonijiet involuti jassumu r-rwoli li “jibagħtu” u/jew “li jilqgħu” l-parteċipanti, jiġifieri li jospitaw l-attività. Waħda mill-organizzazzjonijiet tassumi wkoll ir-rwol ta’ koordinatur u tapplika għall-proġett kollu f’isem is-sħubija.

Proġett jikkonsisti f’erba’ stadji: 

  • L-ippjanar (id-definizzjoni tal-ħtiġijiet, l-objettivi, l-eżiti tal-apprendiment, il-formati tal-attività, l-iżvilupp tal-programm ta’ ħidma, l-iskeda tal-attivitajiet, eċċ.)
  • It-tħejjija (arranġamenti prattiċi, l-għażla tal-parteċipanti, it-twaqqif ta’ ftehimiet ma’ sħab, it-tħejjija lingwistika/interkulturali/relatata mal-apprendiment u l-kompiti tal-parteċipanti qabel it-tluq eċċ.);
  • L-implimentazzjoni tal-attivitajiet;
  • Is-segwitu (l-evalwazzjoni tal-attivitajiet, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, kif ukoll it-tixrid u l-użu tal-eżiti tal-proġett).

Proġett ta’ mobbiltà ta’ kwalità għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ:

  • ikollu impatt ċar fuq il-ħidma regolari maż-żgħażagħ tal-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ u fuq l-organizzazzjoni tagħhom;
  • jiddependi mill-involviment attiv tal-organizzazzjonijiet parteċipanti u tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, li għandhom jassumu rwol attiv fl-istadji kollha tal-proġett, u b’dan il-mod isaħħu l-esperjenza tagħhom ta’ apprendiment u żvilupp;
  • ikun ibbażat fuq ħtiġijiet identifikati b’mod ċar għall-edukazzjoni u l-iżvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ13 b’mod partikolari dwar il-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent, u jkun akkumpanjat minn miżuri xierqa ta’ għażla, tħejjija u segwitu;
  • jiżgura li l-eżiti tal-apprendiment mhux formali u informali tal-parteċipanti jkunu rikonoxxuti kif suppost u li l-eżiti tal-proġett, inkluż kwalunkwe metodu, materjal u għodda, ikunu trasferibbli u użati fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti, filwaqt li jikkontribwixxu għall-evoluzzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, u jkomplu jinxterdu b’mod wiesa’ fil-qasam taż-żgħażagħ;
  • iħeġġeġ lill-parteċipanti biex jirriflettu dwar suġġetti u valuri Ewropej u jipprovdi lill-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ b’għodod u metodi sabiex jippromwovu r-rispett u jiġġestixxu d-diversità fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.
  • jippromwovi l-użu ta’ prattiki u metodi innovattivi bħall-inklużjoni ta’ attivitajiet ta’ ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ bil-ħsieb li jkun strument għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe forma ta’ diżinformazzjoni online u aħbarijiet foloz.

Proċess ta’ apprendiment

Proġett ta’ Mobbiltà għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ jeħtieġ jipprevedi appoġġ għall-proċess ta’ riflessjoni, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment, b’mod partikolari permezz tal-Youthpass, biex jappoġġa r-rikonoxximent u l-impatt tal-eżiti tal-proġett, il-prattiki tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, il-metodoloġiji u l-materjali li jirriżultaw fil-qasam taż-żgħażagħ.

Protezzjoni u sikurezza tal-parteċipanti

Matul l-ippjanar u t-tħejjija ta’ proġett, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-protezzjoni u s-sikurezza tal-parteċipanti u għandhom jiġu previsti l-miżuri kollha meħtieġa għall-prevenzjoni/it-tnaqqis tar-riskji. 

Standards tal-kwalità tal-Erasmus għaż-żgħażagħ

L-implimentazzjoni tal-proġetti kollha appoġġati fil-qafas ta’ din l-Azzjoni trid issegwi l-istandards tal-Kwalità tal-Erasmus+ għaż-Żgħażagħ biex jiġu organizzati attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment ta’ kwalità għolja. L-istandards ta’ Kwalità tal-Erasmus+ għaż-Żgħażagħ ikopru l-prinċipji bażiċi tal-Azzjoni, kif ukoll il-prattiki konkreti tal-implimentazzjoni għall-kompiti tal-proġett bħall-għażla u t-tħejjija tal-parteċipanti, id-definizzjoni, l-evalwazzjoni u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġett, eċċ. L-istandards ta’ Kwalità tal-Erasmus+ għaż-Żgħażagħ huma disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/documents/erasmus-quality-standards-mobility-projects-youth_mt

Dimensjonijiet orizzontali

Meta jitfassal proġett ta’ mobbiltà, iridu jiġu kkunsidrati d-dimensjonijiet orizzontali li ġejjin. 

Inklużjoni u diversità

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. L-organizzazzjonijiet għandhom ifasslu attivitajiet ta’ proġetti aċċessibbli u inklużivi, filwaqt li jqisu l-fehmiet tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet u jinvolvuhom fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. 

  • Il-proġetti ta’ mobbiltà għall-Persuni li jaħdmu maż-Żgħażagħ huma partikolarment adattati biex isaħħu s-sensibilizzazzjoni dwar id-diversità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ kif ukoll biex itejbu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa ħalli jinvolvu b’suċċess lill-parteċipanti b’inqas opportunitajiet fil-prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ. L-involviment tal-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ fl-istadji kollha tal-proġett irawwem gwida bir-reqqa permezz tal-proċess ta’ apprendiment u żvilupp u jippermetti segwitu aktar mill-qrib;
  • Il-preżenza ta’ ħarrieġa u faċilitaturi f’ħafna mill-attivitajiet tiżgura approċċ aktar mill-qrib u adattat, imfassal apposta għall-ħtiġijiet tal-parteċipanti;
  • Il-proġett kollu għandu jieħu approċċ konxju lejn l-inklużjoni u d-diversità. Dawn l-aspetti għandhom jitqiesu fl-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu. Il-mod ta’ kif il-proġett isaħħaħ il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet parteċipanti biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ inklużjoni u diversità fl-attivitajiet regolari tagħhom huwa ta’ importanza partikolari.
  • Il-format huwa xieraq ukoll sabiex jinvolvi parteċipanti b’inqas opportunitajiet. Il-flessibbiltà offruta mill-azzjoni fil-format tal-attivitajiet (eż. id-durata, it-tip eċċ.) tagħmilha adattabbli għall-ħtiġijiet tal-parteċipanti. Il-proġetti ta’ mobbiltà għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ huma adatti wkoll biex issir ħidma fuq l-inklużjoni u d-diversità bħala s-suġġett tal-proġett, pereżempju l-iskambju ta’ prattiki u metodi inklużivi. 

Sostenibbiltà ambjentali

Proġett għandu jippromwovi mġiba ambjentalment sostenibbli u responsabbli fost il-parteċipanti, filwaqt li jqajjem is-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza li tittieħed azzjoni biex titnaqqas jew tiġi kkumpensata l-impronta ambjentali tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. Dan għandu jitfassal u jiġi implimentat b’kuxjenza ambjentali billi eż., jiġu integrati prattiki sostenibbli bħall-għażla ta’ materjali li jistgħu jerġgħu jintużaw jew li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, it-tnaqqis tal-iskart u r-riċiklaġġ, il-mezzi sostenibbli ta’ trasport. 

Trasformazzjoni diġitali

Il-Programm Erasmus+ jappoġġa lill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fl-inkorporazzjoni tal-użu ta’ għodod diġitali u metodi ta’ apprendiment biex jikkomplementaw l-attivitajiet fiżiċi tagħhom, itejbu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet sħab, u ħalli jtejbu l-kwalità tal-attivitajiet. Hija mħeġġa l-introduzzjoni ta’ elementi diġitali u online biex jitnaqqas il-limitu għall-parteċipazzjoni tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet. Permezz ta’ proġetti u attivitajiet li għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-ħiliet diġitali, irawmu l-litteriżmu diġitali u/jew jiżviluppaw fehim tar-riskji u l-opportunitajiet tat-teknoloġija diġitali, il-programm jista’ jibdel il-mentalità u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ approċċi diġitali u mħallta fl-attivitajiet taż-żgħażagħ. 

Skont it-tfassil u l-objettivi tal-attivitajiet, l-iżvilupp tal-kompetenzi u s-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet diġitali, u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, jistgħu jiġu introdotti fil-mobbiltajiet għall-apprendiment.

L-Aġenziji Nazzjonali joffru firxa ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u għall-mexxejja taż-żgħażagħ permezz tal-Attivitajiet ta’ Taħriġ u Kooperazzjoni tagħhom, inkluż dwar l-appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali fil-qasam taż-żgħażagħ. Dawn l-offerti huma ppubblikati fil-Kalendarju Ewropew tat-Taħriġ: https://www.salto-youth.net/tools/european-training-calendar/. Tista’ tittieħed ispirazzjoni wkoll mill-Għodod tas-SALTO: https://www.salto-youth.net/tools/.

Il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika, il-valuri komuni u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini

Il-Programm Erasmus+ jappoġġa d-dimensjonijiet kollha tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. L-attivitajiet ta’ mobbiltà għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ għandhom isaħħu l-ħiliet parteċipattivi, il-kompetenzi soċjali u interkulturali tal-parteċipanti, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku, kif ukoll il-kompetenzi professjonali tagħhom għall-appoġġ tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Kull fejn ikun possibbli, il-proġetti għandhom joffru lill-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ opportunitajiet għall-parteċipazzjoni demokratika, inkluż l-involviment ċiviku u l-opportunità li jkollhom impatt u jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet li jaffettwawhom. Għandhom jinkorporaw ukoll dimensjoni parteċipattiva, jiġifieri li joffru opportunitajiet rilevanti għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom u jipparteċipaw b’mod attiv fil-konċepiment u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett.14 Il-proġetti għandhom itejbu wkoll il-fehim tal-parteċipanti dwar l-Unjoni Ewropea u l-valuri komuni Ewropej, inkluż ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-dinjità tal-bniedem, l-unità u d-diversità, id-djalogu interkulturali, kif ukoll il-wirt soċjali, kulturali u storiku Ewropew.

Kriterji tal-eliġibbiltà

Min jista’ japplika?

Kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti eliġibbli stabbilita fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm tista’ tkun l-applikant. Din l-organizzazzjoni tapplika f’isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett15 .

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli

Organizzazzjoni parteċipanti tista’ tkun:

  • organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, assoċjazzjoni, NGO; NGO Ewropea taż-Żgħażagħ; korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali; intrapriża soċjali; korp bi skop ta’ qligħ attiv fir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva;
  • grupp ta’ żgħażagħ attivi fil-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ iżda mhux bilfors fil-kuntest ta’ organizzazzjoni taż-żgħażagħ (jiġifieri grupp informali ta’ żgħażagħ)16

stabbilit fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm ġar tal-UE (ir-Reġjuni 1 sa 4; ara t-taqsima “Pajjiżi Eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida).

Numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

Iridu jkunu involuti mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet parteċipanti (mill-inqas organizzazzjoni li tibgħat waħda u mill-inqas organizzazzjoni li tilqa’ waħda) minn pajjiżi differenti.

L-istess organizzazzjoni (OID wieħed) ma tistax tkun involuta f’aktar minn 5 applikazzjonijiet għal kull skadenza f’din l-azzjoni, jew bħala applikant jew bħala sieħeb.

Durata tal-proġett

Minn 3 xhur sa 24 xahar

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti

Meta napplika?

L-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sad-dati li ġejjin:

12 ta’ Frar f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena

1 ta’ Ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara

Ċiklu addizzjonali possibbli:

L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jiftħu ċiklu addizzjonali. L-Aġenziji Nazzjonali se jinformaw lill-applikanti dwar il-ftuħ taċ-ċiklu addizzjonali permezz tas-sit web tagħhom.

Jekk jiġi organizzat ċiklu addizzjonali, l-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom sas-7 ta’ Mejju f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.

Kif napplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta’ din il-Gwida għad-dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

Annessi

Kull proġett irid jinkludi mill-inqas Attività waħda ta’ Żvilupp Professjonali.

Mal-formola tal-applikazzjoni jrid ikun hemm annessa skeda ta’ żmien għal kull waħda mill-Attivitajiet ta’ Żvilupp Professjonali, iż-żjarat preparatorji u l-attivitajiet ta’ żvilupp tas-sistema u ta’ sensibilizzazzjoni ppjanati fil-proġett.

Rekwiżiti minimi għall-Attivitajiet ta’ Żvilupp Professjonali

Durata tal-attivitajiet

Minn jumejn sa 60 jum, esklużi l-jiem tal-ivvjaġġar.

Il-minimu ta’ jumejn iridu jkunu konsekuttivi.

Post(ijiet) tal-attivitajiet

L-attivitajiet iridu jsiru fil-pajjiż ta’ waħda (jew diversi, f’każ ta’ attivitajiet itineranti) mill-organizzazzjonijiet parteċipanti fl-attività.

Eċċezzjoni: L-attivitajiet ma jistgħux isiru fil-Belarussja jew fir-Russja.

Numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

Iridu jkunu involuti mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet parteċipanti (mill-inqas organizzazzjoni li tibgħat waħda u mill-inqas organizzazzjoni li tilqa’ waħda) minn pajjiżi differenti.

L-attivitajiet fi ħdan l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm: l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha jridu jkunu minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

Attivitajiet ma’ pajjiżi terzi ġirien tal-UE li mhumiex assoċjati mal-Programm: l-attività trid tinvolvi mill-inqas organizzazzjoni parteċipanti waħda minn Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm u organizzazzjoni parteċipanti waħda minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm ġar tal-UE (ir-reġjuni 1 sa 4).

Parteċipanti eliġibbli

L-ebda limitu ta’ età.

Il-parteċipanti jridu jkunu residenti fil-pajjiż tal-organizzazzjoni li tibgħat jew li tilqa’ tagħhom.

Il-ħarrieġa, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi ma għandhomx jitqiesu bħala parteċipanti tal-attività, iżda huma eliġibbli għall-appoġġ taħt ċerti kategoriji tal-baġit.

Numru ta’ parteċipanti

Numru of parteċipanti: Sa 50 parteċipant f’kull attività ppjanata mill-proġett.

Il-ħarrieġa, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi ma għandhomx jingħaddu fin-numru ta’ parteċipanti

F’kull attività jridu jkunu involuti parteċipanti mill-pajjiż tal-organizzazzjoni li tilqa’.

Kriterji oħrajn

Mill-inqas waħda mill-organizzazzjonijiet li tibgħat jew waħda mill-organizzazzjonijiet li tilqa’ fl-attività trid tkun mill-pajjiż tal-Aġenzija Nazzjonali li lilha tiġi sottomessa l-applikazzjoni.

Rekwiżiti minimi għaż-żjarat preparatorji

Post(ijiet) tal-attività

L-attività trid issir fil-pajjiż ta’ waħda mill-organizzazzjonijiet li tilqa’ għall-attività ta’ żvilupp professjonali.

Eċċezzjoni: L-attivitajiet ma jistgħux isiru fil-Belarussja jew fir-Russja.

Parteċipanti eliġibbli

Rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, ħarrieġa u faċilitaturi.17

Kriterji għall-għoti

L-applikazzjonijiet sottomessi se jiġu vvalutati billi jiġu assenjati punti minn total ta’ 100, abbażi tal-kriterji u l-punteġġi ta’ hawn taħt. Sabiex ikunu kkunsidrati għall-għoti, l-applikazzjonijiet iridu jissodisfaw il-limiti li ġejjin:

  • Mill-inqas 60 punt mit-total ta’ 100 punt, u
  • Mill-inqas nofs il-punti tal-punteġġ massimu f’kull waħda mit-tliet kategoriji tal-kriterji għall-għoti hawn taħt

Rilevanza, raġunament u impatt (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Kemm:

  • il-profil, l-esperjenza u l-attivitajiet tal-applikant huma rilevanti għall-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ
  • il-proġett se jindirizza waħda jew aktar mill-prijoritajiet tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ jew l-Għanijiet dwar iż-Żgħażagħ;
  • il-proġett huwa adattat biex jikkontribwixxi għad-dimensjonijiet tal-inklużjoni u d-diversità, ekoloġiċi, diġitali u parteċipatorji tal-Programm;
  • il-proposta tal-proġett hija rilevanti għall-objettivi tal-Azzjoni;
  • il-proġett huwa rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
  • il-proġett u l-attivitajiet proposti jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-iżvilupp tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ parteċipanti;
  • il-proġett huwa adattat għal:
  • tisħiħ jew trasformazzjoni tal-prattika tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, fir-rigward tal-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, kif ukoll l-ambitu tagħhom, minn dak lokali għal dak globali kif xieraq.
  • għall-produzzjoni ta’ eżiti tal-apprendiment ta’ kwalità għolja għall-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ;
    • l-involviment ta’ parteċipanti attivi fil-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-organizzazzjonijiet parteċipanti kif ukoll ta’ organizzazzjonijiet li jwettqu ħidma konkreta fost iż-żgħażagħ u ħidma regolari maż-żgħażagħ fil-livell lokali.
    • ħolqien ta’ impatt fuq il-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet parteċipanti matul u wara l-ħajja tal-proġett.
    • Ħolqien ta’ impatt barra l-organizzazzjonijiet u fuq individwi li ma jieħdux sehem direttament fil-proġett, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew Ewropew jew globali.
    • (jekk applikabbli) l-attivitajiet proposti ta’ żvilupp u ta’ sensibilizzazzjoni tas-sistema qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ambjent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ
  • il-proġett jintroduċi parteċipanti ġodda u organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza għall-Azzjoni.

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 40 punt)

Kemm:

  • Il-proposta turi konsistenza bejn il-ħtiġijiet identifikati, l-objettivi tal-proġett, il-profili tal-parteċipanti u l-attivitajiet proposti
  • Il-proposta tiddeskrivi b’mod ċar u konvinċenti l-fażijiet kollha tal-proġett (it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu) u l-involviment attiv tal-parteċipanti fil-fażijiet kollha;
  • Ir-rappreżentanza bbilanċjata tal-parteċipanti f’termini ta’ pajjiżi u ġeneru rrispettata
  • il-miżuri għall-għażla tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ huma xierqa u f’konformità mad-definizzjoni tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fil-bażi legali
  • l-attivitajiet huma mfassla b’mod aċċessibbli u inklużiv u huma miftuħa għal parteċipanti bi sfondi u kapaċitajiet differenti.
  • l-attivitajiet jinkorporaw prattiki sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;
  • Il-metodi ta’ apprendiment proposti, inklużi l-għodod diġitali jew il-komponenti virtwali, huma xierqa għall-attivitajiet
  • il-miżuri ta’ appoġġ għall-proċess ta’ riflessjoni, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, u l-użu tal-għodod ta’ trasparenza u ta’ rikonoxximent, b’mod partikolari l-Youthpass, huma xierqa;
  • (jekk applikabbli) L-għodod u l-prattiki proposti taħt “attivitajiet ta’ żvilupp u ta’ sensibilizzazzjoni tas-sistema” huma xierqa u jistgħu jiġu rreplikati u jispiraw organizzazzjonijiet oħrajn.

Kwalità tal-ġestjoni tal-proġetti (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Kemm:

  • il-kwalità tal-arranġamenti prattiċi, il-ġestjoni u l-modalitajiet ta’ appoġġ huma sodisfaċenti;
  • il-miżuri previsti biex jiġu żgurati s-sikurezza u l-protezzjoni tal-parteċipanti huma adegwati u effettivi;
  • Il-kompiti u r-responsabbiltajiet għall-attivitajiet huma ddefiniti b’mod ċar f’konformità mal-istandards ta’ kwalità tal-Erasmus;
  • Il-pjan għall-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn il-parteċipanti tal-grupp(i), l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn jipprovdi qafas ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-proġett;
  • L-applikant ippropona mod xieraq ta’ kif jiġu evalwati l-fażijiet u l-eżiti differenti tal-proġett fir-rigward tal-objettivi tiegħu
  • l-applikant ippropona mod xieraq ta’ kif jiġu mxerrda l-eżiti tal-proġett fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti u barra minnhom.
  • il-proġett fih miżuri li għandhom l-għan li jagħmlu r-riżultati tiegħu sostenibbli lil hinn mill-ħajja tal-proġett

Regoli ta’ finanzjament

Kategorija tal-baġit - Appoġġ Organizzazzjonali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet relatati direttament mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. 

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni:  abbażi tan-numru ta’ parteċipanti. L-akkumpanjaturi, il-ħarrieġa u l-faċilitaturi ma humiex eliġibbli għall-appoġġ organizzazzjonali.

Ammont

EUR 125 għal kull parteċipant f’Attività ta’ Żvilupp Professjonali.

Kategorija tal-baġit - Vjaġġar

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, inklużi l-ħarrieġa, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi, mill-post tal-oriġini tagħhom sal-post tal-attività u lura.

Taħt 500 km, il-parteċipant, bħala regola ġenerali, se jivvjaġġa b’mezzi tat-trasport b’emissjonijiet baxxi.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar u n-numru ta’ persuni.

L-applikant jeħtieġlu jindika d-distanza bejn il-post tal-oriġini u l-post tal-attività18 billi juża l-kalkulatur tad-distanza appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea19 .

Għall-attivitajiet itineranti, l-applikant għandu jżid id-distanzi bejn il-postijiet individwaliu jagħżel il-medda ta’ distanza li tikkorrispondi għat-total.20

Ammont

Distanza tal-ivvjaġġarVjaġġar ekoloġikuVjaġġar mhux ekoloġiku
10 – 99 kmEUR 56EUR 28
100 – 499 kmEUR 285EUR 211
500 – 1999 kmEUR 417EUR 309
2000 – 2999 kmEUR 535EUR 395
3000 – 3999 kmEUR 785EUR 580
4000 – 7999 kmEUR 1188EUR 1188
8000 km jew aktarEUR 1735EUR 1735

Kategorija tal-baġit - Appoġġ individwali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet marbuta mas-sussistenza.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni:  abbażi tal-pajjiż li jilqa’, id-durata tas-soġġorn għal kull parteċipant, l-akkumpanjaturi, il-ħarrieġa u l-faċilitaturi (jekk ikun meħtieġ), inkluż ukoll jum ta’ vjaġġar wieħed qabel l-attività u jum ta’ vjaġġar ieħor wara l-attività, u sa erbat ijiem addizzjonali għall-parteċipanti,   għall-ħarrieġa, għall-faċilitaturi u għall-akkumpanjaturi li jirċievu għotja għall-ivvjaġġar ekoloġiku.

Ammont

Tabella A2.2għal kull parteċipant għal kull jum.  Din it-tabella tapplika wkoll għal ħarrieġa, faċilitaturi u akkumpanjaturi.

Massimu ta’ EUR 1,100 għal kull parteċipant, ħarrieġa, faċilitaturi u akkumpanjaturi.

Kategorija tal-baġit - Appoġġ għall-inklużjoni

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Appoġġ għall-inklużjoni għall-organizzazzjonijiet: Kostijiet relatati mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà li jinvolvu parteċipanti b’inqas opportunitajiet.   Il-ħarrieġa, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi mhumiex eliġibbli għall-appoġġ għall-inklużjoni għall-organizzazzjonijiet.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet.

Ammont

EUR 125 għal kull parteċipant

Appoġġ għall-inklużjoni għall-parteċipanti: Kostijiet addizzjonali relatati direttament ma’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet u l-akkumpanjaturi, il-ħarrieġa u l-faċilitaturi tagħhom (inklużi kostijiet iġġustifikati relatati mal-ivvjaġġar u s-sussistenza jekk ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit “Vjaġġar” u “Appoġġ individwali”).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni:it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

Ammont

100 % tal-kostijiet eliġibbli

Kategorija tal-baġit - Appoġġ għaż-żjara preparatorja

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet marbuta mal-implimentazzjoni taż-żjara preparatorja li jinkludu l-ivvjaġġar u s-sussistenza. 

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: esklużi l-parteċipanti mill-organizzazzjoni li tilqa’. Jistgħu jiġu ffinanzjati massimu ta’ 2 parteċipant għal kull organizzazzjoni parteċipanti għal kull attività. Barra minn hekk, faċilitatur/ħarrieġ wieħed minn kwalunkwe waħda mill-organizzazzjonijiet parteċipanti jista’ jiġi ffinanzjat ukoll għal kull żjara preparatorja. Kundizzjonali: il-ħtieġa ta’ Żjara Preparatorja, l-objettivi u l-parteċipanti jridu jkunu ġġustifikati mill-applikant u approvati mill-Aġenzija Nazzjonali. Din il-kundizzjoni ma tapplikax għal proġetti ffinanzjati taħt is-sistema ta’ akkreditazzjoni.

Ammont

EUR 680 għal kull parteċipant għal kull żjara preparatorja

Kategorija tal-baġit - Attivitajiet ta’ żvilupp tas-sistema u ta’ sensibilizzazzjoni

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet komplementari.

Kostijiet indiretti: Ammont b’rata fissa, li ma jaqbiżx 7 % tal-kostijiet diretti eliġibbli tal-attivitajiet komplementari, huwa eliġibbli taħt kostijiet indiretti, u jirrappreżenta l-kostijiet amministrattivi ġenerali tal-benefiċjarju li jistgħu jitqiesu debitabbli għall-attivitajiet komplementari (eż. il-kontijiet tad-dawl jew tal-internet, il-kostijiet għall-post, il-kost tal-persunal permanenti, eċċ.).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali għall-kostijiet diretti u rata fissa għall-kostijiet indiretti.

Regola tal-allokazzjoni: il-ħtieġa u l-objettivi jridu jkunu ġġustifikati mill-applikant u approvati mill-Aġenzija Nazzjonali. Massimu ta’ 10 % tal-kostijiet totali tal-proġett jistgħu jiġu allokati għal dawn l-attivitajiet.

Ammont

Massimu sa 80 % tal-kostijiet eliġibbli.

Kategorija tal-baġit - Kostijiet eċċezzjonali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet għall-għoti ta’ garanzija finanzjarja, jekk l-Aġenzija Nazzjonali titlob dan.

Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi. 

Il-kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin tal-parteċipanti, tal-akkumpanjaturi, tal-ħarrieġa u tal-faċilitaturi li ma jistgħux jiġu appoġġati bil-kategorija standard ta’ “Vjaġġar” minħabba bogħod ġeografiku jew ostakli oħrajn (jiġifieri meta l-użu ta’ mezzi tat-trasport aktar nodfa u b’livell aktar baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jirriżulta f’kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin).  Jekk jingħataw, il-kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali jissostitwixxu l-appoġġ għall-ivvjaġġar abbażi ta’ kostijiet unitarji.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni:it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija NazzjonaliL-ivvjaġġar għali japplika f’każijiet fejn l-appoġġ għall-ivvjaġġar ibbażat fuq il-kost unitarju ma jkoprix 70 % tal-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti.  Jekk jingħataw, il-kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali jissostitwixxu l-għotja għall-ivvjaġġar mhux ekoloġiku.

Ammont

Garanzija finanzjarja:80 % tal-kostijiet eliġibbli

Kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin: 80 % tal-kostijiet eliġibbli tal-ivvjaġġar

Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi: 100 % tal-kostijiet eliġibbli

Tabella A2.2 Appoġġ individwali għall-Attivitajiet ta’ Żvilupp Professjonali

 Appoġġ Individwali (euro għal kull jum)
L-Awstrija84
Il-Belġju88
Il-Bulgarija60
Il-Kroazja75
Ċipru81
Iċ-Ċekja65
Id-Danimarka95
L-Estonja76
Il-Finlandja93
Franza85
Il-Ġermanja77
Il-Greċja80
L-Ungerija77
L-Iżlanda99
L-Irlanda91
L-Italja85
Il-Latvja66
Il-Liechtenstein84
Il-Litwanja65
Il-Lussemburgu84
Malta77
In-Netherlands92
Il-Maċedonja ta’ Fuq57
In-Norveġja94
Il-Polonja68
Il-Portugall78
Ir-Rumanija64
Is-Serbja59
Is-Slovakkja67
Is-Slovenja78
Spanja81
L-Iżvezja87
It-Turkija68
Pajjiżi terzi ġirien mhux assoċjati mal-Programm62
  1. Il-baġit prinċipali ta’ din l-Azzjoni huwa allokat biex jappoġġa attivitajiet tranżnazzjonali li jinvolvu organizzazzjonijiet u parteċipanti minn Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm. Madankollu, sa 25 % tal-baġit disponibbli jista’ jiffinanzja l-attivitajiet ta’ mobbiltà internazzjonali inklużi organizzazzjonijiet u parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, li huma ġirien tal-UE (ir-reġjuni 1 sa 4; ara t-taqsima “Pajjiżi Eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida). ↩ back
  2. Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-Qafas għall-istabbiliment ta’ Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ:  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=uriserv:OJ.C_.2020.415.01.0001.01.MLT . Aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ tinsab fuq www.bonn-process.net. ↩ back
  3. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.C_.2018.456.01.0001.01.MLT&toc=OJ%3AC%3A2018%3A456%3AFULL ↩ back
  4. https://youth.europa.eu/strategy/european-youth-goals_mt ↩ back
  5. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=uriserv:OJ.C_.2020.415.01.0001.01.MLT ↩ back
  6. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:C_202403526 ↩ back
  7. https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2024/3364 ↩ back
  8. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32022H0411%2801%29 ↩ back
  9. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2024:1:FIN ↩ back
  10. L-istrateġiji jistgħu jinsabu hawn:  https://www.salto-youth.net/ ↩ back
  11. Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħidma intelliġenti fost iż-żgħażagħ:  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52017XG1207(01) ↩ back
  12. http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=uriserv:OJ.C_.2020.415.01.0001.01.MLT  u  https://www.bonn-process.net/ ↩ back
  13. Mudell ta’ Kompetenza tal-Istrateġija Ewropea għat-Taħriġ għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ biex jaħdmu internazzjonalment,  https://www.salto-youth.net/rc/training-and-cooperation/trainingstrategy/ ↩ back
  14. Għar-riżorsi u l-ispirazzjoni, jekk jogħġbok ara l-modulu 12 (Ippjanar għall-parteċipazzjoni) tas-Sett ta’ Għodod għall Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ imħejji minn SALTO PI u li għandu l-għan li jipprovdi għarfien espert, rakkomandazzjonijiet, għodod u gwida prattika u riflessjoni għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ dwar kif tiġi promossa l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ:  https://participationpool.eu/toolkit/ . ↩ back
  15. L-organizzazzjonijiet parteċipanti jeħtieġ li jiffirmaw formola ta’ adeżjoni mal-organizzazzjoni applikanti. Il-formoli ta’ adeżjoni għandhom jiġu pprovduti fl-istadju tal-applikazzjoni u mhux aktar tard miż-żmien tal-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ara l-Parti C ta’ din il-gwida. ↩ back
  16. Grupp ta’ mill-inqas erba’ żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena. Wieħed mill-membri tal-grupp li għandu mill-inqas 18-il sena jassumi r-rwol ta’ rappreżentant u jieħu r-responsabbiltà f’isem il-grupp. Jekk jogħġbok iċċekkja l-glossarju għad-definizzjoni ta’ grupp informali. ↩ back
  17. Persuni li jieħdu sehem fi żjarat preparatorji huma mistennija li jipparteċipaw ukoll fl-attività ewlenija. ↩ back
  18. Pereżempju , jekk persuna minn Madrid (Spanja) qed tieħu sehem f’attività f’Ruma (l-Italja), l-applikant jikkalkula d-distanza minn Madrid sa Ruma (1,365.28 KM) u mbagħad jagħżel il-medda tad-distanza tal-ivvjaġġar applikabbli (jiġifieri . bejn 500 u 1,999 km). ↩ back
  19. http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/tools/distance_mt.htm ↩ back
  20. Pereżempju, jekk parteċipant minn Madrid (Spanja) ikun qed jieħu sehem f’attività itineranti li sseħħ l-ewwel f’Ruma (l-Italja) u mbagħad f’Ljubljana (is-Slovenja), l-applikant l-ewwel se jikkalkula d-distanza bejn Madrid u Ruma (1,365.28 KM), imbagħad bejn Ruma u Ljubljana (489.75 KM) u jżid iż-żewġ distanzi (1,855.03 KM) b) jagħżel il-medda tad-distanza tal-ivvjaġġar applikabbli (jiġifieri bejn 500 u 1,999 KM) u c) jikkalkula l-għotja tal-UE li se tipprovdi l-kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipant minn Madrid għal Ljubljana (b’waqfa f’Ruma) u r-ritorn (EUR 275). ↩ back
OSZAR »